mill-ET Mons Dr Joe Vella Gauci, Ambaxxatur u Delegat Permanenti ta' Malta għall-UNESCO; u Chairperson tal-Kumitat Festi Nazzjonali u Reġjonali fi ħdan il-Miniseru għal Għawdex
taħt il-Patroċinju tal-ET M'Louise Coleiro Preca, President ta' Malta
Sala tal-Esebizzjonijiet, Ministeru għal Għawdex
Jum ir-Repubblika, bħall-bqija tal-jiem nazzjonali, għandu bħala skop ewlieni li joħloq spazju u żmien biex nirriflettu, anke jekk għal ftit mumenti, fuq “Din l-Art Ħelwa, ‘l Omm li tatna isimha”, uffiċjalment magħrufa bħala: Ir-Repubblika ta’ Malta.
L-ewwel artiklu tal-Kostituzzjoni ta’ Malta jiddefenixxi l-elementi kostituttivi li jsawru r-Repubblika ta’ Malta: “Malta hija repubblika demokratika bbażata fuq ix-xogħol u fuq ir-rispett għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-individwu.”
Illum aħna nirrikonoxxu lil dawk ta’ qabilna li taw is-sehem tagħhom fit-tiswir ta’ din ir-Repubblika Maltija, li mhux biss ħolqu imma kkultivvaw. Li mhux biss kitbu u approvaw, imma saħansitra implimentaw l-ispirtu tal-Kostituzzjoni. Amministrazzjoni wara l-oħra ħadmu biex jinħoloq ix-xogħol, jitkattar il-ġid, u li jiġu rispettati l-prinċipji (kif spjegati f’Kapitlu II), d-drittijiet u l-ibertajiet fundamentali tal-individwu (kif spjegati f’Kapitlu IV).
Aħna grati għall-fatt li wieħed minn dawn il-Politiċi veterani, għadu mimli bl-għmomor u jinsab fostna. Il-Prezenza tiegħek Sur Tabone hi ferm apprezzata u tedifikana għax fiha nfisha tirrifletti maturita’ politika.
Ir-Repubblika li sawru missirijietna toħloq spazju adegwat biex il-kulturi diversi jiltaqgħu flimkien, fis-sliem, “fit-territorji ta’ Malta”. Imma mhux daqshekk biss, il-politiċi tagħna, amministrazzjoni wara l-oħra, dejjem mpenjaw ruħhom sabiex Malta bħala Stat Newtrali taħdem, u allura tkun attiva’ biex tintlaħaq il-Paċi, s-Sigurta’ u l-Progress Soċjali fost in-Nazzjonijiet kollha.
Ippermettuli hawnhekk nirreferikom għal mumenti storiċi fejn Malta semmgħet leħinha fost il-ġnus, fil-fora internazzjonali. Hekk ngħidu aħna fis-Summit Ewropew, f’Copenhagen fl-1973, Malta tkellmet mill-ħtieġa ta’ djalogu bejn l-Ewropa u d-dinja Għarbija; f’Helsinki fl-1975, meta ġew inseriti fil-Helsinki Final Act, it-twissija profetika li ma jkunx hemm paċi fl-Ewropa jekk ma jkunx hemm paċi fil-Mediterran; kien ukoll bis-sehem ta’ pajjiżna li l-Iżrael, is-Sirja, l-Iran u l-pajjiżi tal-Golf Għarbi ngħataw vuċi fl-ewwel Summit tas-CSCE.
Bit-tiswir tar-Repubblika, Malta qisitha bħala l-vokazzjoni ewlenija tagħha, biex issemmha leħinha u timpenja ruħha ħalli l-Mediterran ma jkunx baħar ta’ armi u konflitti, imma pjuttost baħar ta’ sliem u koperazzjoni. Illum erbgħin sena wara l-ġrajja ta’ Helsinki, l-istorja tagħti raġun lil din ir-Repubblika Maltija, anke jekk Malta qed tingħata raġun propju minħabba l-fatt li qed nesperjenzaw din ir-realta’ ta’ dieqa li qed tagħmel mill-Mediterran, reġjun ta’ għelt u instabilita’.
Grazzi għall-kisba tal-Independenza ta’ Pajjiżna u l-ħolqien tar-Repubblika Maltija, fl-1967, fil-kuntest tal-Assembleja Ġenerali tal-Ġnus Magħquda, Malta ħadet l-inizjattiva u b’konsistenza beqgħet issemma’ leħinha sakemm fl-1982, il-Ġnus Magħquda adottat il-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar. Dan ifisser li pajjiżna dejjem qies li l-ibħra, b’mod partikulari l-Mediterran, għandhom iservu bħala teatri ta’ paċi u mhux areni ta’ diviżjonijiet.
Dejjem f’dan l-ispirtu, li pajjiżna jaħdem għall-ħarsien tal-paċi fost il-Ġnus, partikularment il-Ġnus tal-Mediterran, irrid insemmi tlett okkażżjonijiet oħra, jiġifieri, l-Malta Summit (Diċembru 2-3, 1989); il-Proċess ta’ Barcellona li wassal għat-twaqqif tal-Union for the Mediterranean (Novembru 1995); u riċentement il-Valletta Summit (Novembru 11-12, 2015).
Inkun qed nonqos, jekk fil-kuntest ta’ din l-okkażżjoni, fejn Għawdex qed jiċċelebra Jum ir-Repubblika, fil-preżenza tal-President tar-Repubblika, ma nsemmix is-sehem assidwu tal-istess President biex pajjiżna jkun jista’ jikkoltiva’, għall-ġejjien, is-sliem bejn il-Ġnus tal-Mediterran. Hekk għamlet il-President ta’ Malta, meta fil-kuntest tat-38 Assembleja Ġenerali tal-UNESCO, fis-sezzjoni tal-Leaders’ Forum, madwar xahar ilu, eżattament fis-17 ta’ Novembru (2015), saħqet dwar id-djalogu inter-kulturali. Imma mhux daqshekk biss, ġurnata qabel id-diskors tagħha, l-President ta’ Malta kellha laqgħha bilaterali mad-Direttur Ġenerali tal-UNESCO, Madame Irina Bokova, fejn ressqet għall-attenzjoni tad-Direttur Ġenerali x-xewqa li f’Malta jitwaqqaf Ċentru Reġjonali għall-Paċi u d-Djalogu Inter-kulturali taħt l-awspeċi tal-UNESCO (under list Category 2 of UNESCO’s Institutes and Centres) ħalli b’hekk din ir-Repubblika Maltija tissokta fil-ħidma tagħha għall-paċi fost il-Ġnus, partikularment il-Ġnus tal-Mediterran.
Forsi wieħed jistaqsi jekk din ix-xewqa hux possibbli li tiġi realiżżata?
Suġġettivament naħseb li din il-ħolma tista’ ssir realta’. Għandna l-kredenzjali kollha, bħal ngħidu aħna: s-sitwazzjoni ġeo-politika ta’ pajjiżna, l-politika ta’ Newtralita’ u l-missjoni ta’ pajjiżna li jkun attiv biex jintlaħqu l-miri tal-paċi, tas-sigurta’ u l-progress soċjali fost in-nazzjonijiet kollha. Fuq kollox, il-Kostituzzjoni ta’ Malta Repubblika tirrispekkja l-Kostituzzjoni tal-UNESCO, fejn fost ħwejjeġ oħra naqraw: “That since wars begin in the minds of men, it is in the minds of men that the defences of peace must be constructed”.
Eċċellenza,
Minn qalbi nawguralek sabiex l-inizzjattiva li ħadt tiġi realiżżata fit-terminu tal-Presidenza tiegħek. Aħna bħala Poplu Malti u Għawdxi ma nemmnux fi “gwerer qaddisa”. Aħna bħala Poplu Malti u Għawdxi nemmnu fl-anti-teżi ta’ “gwerra qaddisa” li hi “l-paċi mbierka”, fejn bħala Repubblika Maltija u allura fl-interess tan-Nazzjon Maltija, nkunu nistgħu nibnu fuq il-wirt li ħallewlna missirijietna u b’hekk ngħixu fis-sliem bejnietna u mal-Ġnus ta’ madwarna. B’hekk u b’hekk biss, inkunu nistgħu ntennu mal-Poeta Nazzjonali, “Iżda daqshekk lil ħadd inħobb fis-sewwa...”. Iva verament inkunu nħobbu lill-Pajjiżna, jekk aħna ngħixu fis-sliem bejnietna u ngħixu fis-sliem mal-Ġnus ta’ madwarna.